Warning: Declaration of description_walker::start_el(&$output, $item, $depth, $args) should be compatible with Walker_Nav_Menu::start_el(&$output, $item, $depth = 0, $args = Array, $id = 0) in /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-content/themes/ZEJTUN-2013/functions.php on line 427

Warning: Cannot modify header information - headers already sent by (output started at /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-settings.php:425) in /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-content/plugins/multilingual-press/inc/hreflang-header/Mlp_Hreflang_Header_Output.php on line 100

Warning: Cannot modify header information - headers already sent by (output started at /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-settings.php:425) in /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-content/plugins/multilingual-press/inc/hreflang-header/Mlp_Hreflang_Header_Output.php on line 100
Festi u Drawwiet | Zejtun Religious Heritage Trail (Malti)
Warning: count(): Parameter must be an array or an object that implements Countable in /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-includes/post-template.php on line 284

Warning: count(): Parameter must be an array or an object that implements Countable in /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-includes/post-template.php on line 284

Warning: count(): Parameter must be an array or an object that implements Countable in /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-includes/post-template.php on line 284

Warning: count(): Parameter must be an array or an object that implements Countable in /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-includes/post-template.php on line 284

Festi u Drawwiet

Kitba ta’ Frans Zahra

Fost il-festi u drawwiet li kienu jsiru fiż-Żejtun, kellna dik li għal Festa tal-Kandlora (2 ta’ Frar) kien joħroġ is-Sagristan, jew xi ħadd minfloku, b’karettun tal-idejn iqassam xema’ li fit-tarf tiegħu kien ikollu bħal imboll, lewn id-deheb, b’figura tal-Madonna.

Fil-Festa tas-Salib Imqaddes, li kienet issir fit-3 ta’ Mejju, barra l-quddiesa kantata, filgħaxija kienet toħroġ il-purċissjoni bir-relikwija tal-Veru Lignum, dak is-salib żgħir tal-fidda li fi żmienna jkun espost fuq l-artal tal-Kurċifiss fil-Festa tas-Salib; festa li daż-żmien issir fl-14 ta’ Settembru. Hemm apparat ta’ abiti sagri, saħansittra ukoll l-umbrellun ta’ mal-baldakkin, l-għata tal-istess baldakkin, it-tużell kanupew u ventartal – sett sħiħ marbut ma’ din il-festa. Il-Veru Lignum kien jinġarr taħt il-baldakkin. U la qed insemmi dan ir-relikwarju li fih farka mis-salib ta’ Kristu, darba fi żmien il-gwerra, fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, kien inġarr mill-Isqof Emanuel Galea u kif waslu quddiem il-Palazz tal-Bon Kunsill, ħarġu s-suldati li kienu stazzjonati hemm u taw is-salut lir-relikwarju.

Fil-Festa ta’ Corpus Christi kienu jsiru żewġ purċissjonijiet bis-Sagrament: waħda filgħodu u oħra filgħaxija. F’dik ta’ filgħodu kienu jingħataw tliet Barkiet Sagramentali, waħda fil-kappella tas-Salvatur, oħra fil-Knisja tal-Ispirtu s-Santu u l-oħra fil-Knisja ta’ Santa Marija tal-Ħlas (aktar magħrufa bħala Santa Marija). Wara nofsinhar kienet issir purċissjoni oħra, u kif tidħol fil-Knisja Parrokkjali tingħata l-Barka Sagramentali.

Tlitt ijiem qabel il-Festa ta’ Lapsi – festa li tfakkar it-tlugħ fis-sema tal-Mulej, u li kienet tiġi ċċelebrata fil-jum tal-Ħamis – allura t-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa kienu ġranet imsejħa Rogazzjonijiet. Dawn kienu pjuttost kienu purċissjonijiet penitenzjali: waħda kienet tmur San Girgor, oħra lejn San Klement u oħra tal-Ħniena. Din il-prattika ddaħlet f’Ruma mill-Papa Ljun III fis-sena 816 WK, u malajr infirxet mal-Knisja Universali. Waqt il-purċissjoni kienet titkanta l-Litanija tal-Qaddisin u jingħad talb ieħor u salmi bħala ‘supplika’ (i.e. Talb) għalhekk Rogazzjonijiet. Id-Djoċesi ta’ Vienne f’Dauphine, Franza, fis-seklu 5, kienet sofriet minn terremoti u diżastri oħra, u l-Isqof tad-Djoċesi, San Mamertu, organizza purċissjonijiet penitenzjali b’talb pubbliku, fit-tlitt ijiem ta’ qabel Lapsi.

Purċissjoni oħra simili kienet issir nhar il-Festa ta’ San Mark (fil-25 ta’ April). Il-purċissjoni kienet tmur lejn San Girgor u jitbierku l-irjieħ, biex il-Mulej jipprovdi annata tajba għall-uċuħ tar-raba’. Jien niftakar dik ta’ San Girgor, iżda kien hemm min qalli li kienet issir ukoll lejn tal-Ħniena, għall-istess għan.

Fit-2 ta’ Novembru – jum li fih niftakru fl-erwieħ, barra t-tberik tal-kannierji fil-Knisja Parrokkjali, kienu jitbierku wkoll l-oqbra fil-knejjes ta’ San Girgor,tas-Salvatur, tal-Ispirtu s-Santu, Sant’Anġ u Santa Marija. Għall-okkażjoni tat-2 ta’ Novembru kien jintrama t-tubru fuq pjattaforma, b’faldrappa sewda mberfla bl-isfar, b’gallun dehbi mad-dawra kollha u kienet titqiegħed imħadda sewda. It-tubru kien ikun imdawwar bankuni bix-xema’ f’kull ras, erba’ gandlieri suwed għoljin b’xemgħat fihom u fuq nett kwadri b’ras ta’ mewt – tnejn minnhom, ir-ras ta’ mewt liebsa berettin. It-tubru kien jagħmel xi ġimgħa armat għax kuljum kienet issir quddiesa b’suffraġju għas-saċerdoti – allura fuq l-imħadda kienu jarmaw stola u berettin. Fil-ġranet l-oħra kien isir quddies b’suffraġju għall-fratelli mejtin, allura din id-darba kienu jqiegħdu mużżetta ħamra fuq l-imħadda (tas-Sagrament), darb’ oħra ħadra (ta’ San Mikiel), bajda (tar-Rużarju) u sewda (taċ-Ċintura). U la qed niftakru fil-mejtin, dari fiż-Żejtun kien hawn drawwa (ma nafx għadhiex teżisti xi mkien ieħor) li meta t-tebut ikun fil-knisja, in-naħa ta’ ras il-katavru kien ikun hemm wieħed bilqiegħda, irewwaħ lil speċi ta’ kenur li fuqu kien ikollu l-inċens jaqbad. Jissemmew Saver “il-Pinta” u Karmnu Ellul “Xurubulu”, li kienu jagħmlu dan ix-xogħol. Karmnu Ellul, fil-quddiesa tat-8 ta’ filgħodu, meta kienet għadha ssir bil-Latin, kien jintasab f’nofs il-knisja jgħid b’vuċi għolja r-Rużarju… u n-nies twieġeb. Karmnu kien ukoll idomm il-kuruni tar-Rużarju.

Il-Vjatku tal-Morda kien ikun joħroġ meta l-viċi kien jara l-bżonn jew b’ċertifikat tat-tabib; filwaqt li kull tielet Ħadd tax-xahar, wara l-quddiesa kantata li kienet tkun fid-9 ta’ filgħodu, kienet toħroġ purċissjoni (msejħa t-Terża) iddur mas-Salib tal-Pjazza, u wara li tidħol tingħata l-Barka Sagramentali. Għadni nara serbut ta’ fratelli tas-Sagrament bix-xema’ twil f’idejhom jakkumpanjaw lis-Sagrament.

Ta’ min insemmu wkoll il-fratelli li kont tara għarkopptejhom fuq il-presbiterju, b’idejhom iserrħu fuq il-kanċell, li kien jagħlaq l-artal maġġur, miġbura jaduraw lis-Santissimu Sagrament espost fil-ġilandra, fit-tlitt ijiem tal-Kwaranturi. Kienu joqogħdu għarkopptejhom fuq cushions twal, aktarx mimlija bil-ħaxixa, u fratell xiħ kien iżomm maġenb riġlejh tazza mdaqqsa tar-ramel (sand glass), peress li ma kienx jaf jaqra l-ħin permezz tagħha jkun jaf li għamel siegħa adorazzjoni.

Fl-imgħoddi kellna diversi purċissjonijiet matul is-sena: tas-Salib, ta’ San Ġużepp, ta’ San Mikiel, tal-Madonna taċ-Ċintura, tal-Madonna tal-Warda u tar-Rużarju. F’dawn l-aħħar tliet purċissjonijiet kienet tintuża l-istess statwa – darba biċ-ċintura f’idejn il-Madonna, darba bil-bukkett ta’ fjuri u darba bil-kuruna tar-Rużarju. Fil-Festa tal-Karitá, kienu joħorġu żewġ irġiel, kull wieħed iġorr baċir bil-ħobż imbierek. L-irġiel kienu jilbsu faxxa blu mil-lemin għax-xellug u tingħalaq b’kagħka tal-ġunġlien. Il-ħobż kien jitqassam għad-devozzjoni.

Tul ir-Randan, il-predikatur tal-Eżerċizzi, priedki li kienu jdumu ġimgħa sħiħa u li kienu jibdew mill-jum tal-Ħadd, kien jippriedka minn fuq “is-sodda” (pjattaforma l-għoli ta’ bankun u bradella fuq xulxin). Kienet tintrama faċċata tal-Pulptu. Fuqha kien jintrama Kurċifiss kbir, daż-żmien jintrama fuq l-Artal Maġġur tul ir-Randan, bi kwadru żgħir tad-Duluri taħt riġlejn il-Kurċifiss, mejda, siġġu, mikrofonu u amplifier. Is-saċerdot kien jitla’ fuq “is-sodda” b’ taraġ tal-injam dak li jintuża biex jinġieb is-Sagrament meta jkun espost fil-ġilandra. L-eżerċizzi kienu jkunu ta’ ġimgħa għan-nisa, għall-irġiel, għall-ġuvintur u għax-xebbiet. Meta kienet tkun il-ġimgħa tal-irġiel, il-ħwienet tal-pjazza kienu jagħlqu. Il-korsijiet tal-eżerċizzi kienu jispiċċaw fil-ġurnata tad-Duluri. Kien ikun hemm xi ftit tal-konfużjoni – il-predikatur jippriedka u fil-knisja qed isiru l-preparamenti għall-Purċissjoni.

L-Artal tar-Reposizzjoni (is-Sepulkru, kif għadu magħruf komunamnet) kien jintrama fil-Knisja, peress li dik il-ħabta l-għadd tal-vari kien wisq inqas milli għandna llum. Kien jintrama fl-artal ta’ San Pawl; dam xi sena jew tnejn jintrama fl-artal ta’ Sant Andrija u wara mill-ġdid fl-artal ta’ San Pawl (fejn titqiegħed l-istatwa ta’ Santa Katarina). In-nava kienet tingħalaq b’tilari mpittra qishom damask, b’simboli relatati mal-Ewkaristija.

Il-Festa tal-Via Sagra kienet issir fl-ewwel Ħadd tar-Randan. Predikatur tajjeb kien jagħmel priedka (illum ngħidulhom riflessjonijijet) fuq kull stazzjon, u bejn priedka u oħra kien isir kant ta’ responsorji mill-iScuola Cantorum tad-Domus, akkumpanjati mill-orkestra. Fil-ġimgħa ta’ bejn Ħadd il-Palm u l-Ġimgħa l-Kbira kien joħroġ is-sagristan jew xi ħadd ieħor li jgħinu, iqassam ż-żebbuġ imbierek u dak li jkun jagħti xi ħaġa żgħira tal-flus għall-bżonnijiet tal-knisja. La qed insemmu l-ġbir, ħafna għadhom jiftakru f’Mabli tal-Ħarufa jiġbor għad-Duluri, u Dun Karm Galea, li kważi kull nhar ta’ Ħadd kien joħroġ jiġbor, daqqa għall-festa ta’ San Ġużepp (u kien prokuratur tal-artal u l-festa), San Mikiel, tar-Rużarju, eċċ.

Il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira dari kienet tgħaddi minn Ħabel ix-Xgħir, għalhekk is-salib tal-Vara l-Kbira u tad-Duluri kienu għamluhom iduru la ġenba. Illum peress li l-irjus tas-slaleb huma mżejna b’disinji tal-fidda, idawruhom xorta waħda.

Mill-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ngħaddu għal dik tat-titular, ta’ Santa Katarina. Id-dawra kienet dik li attwalment issir fil-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Kien fi żmien l-Arċipriet Brincat li l-prokuratur, Dun Ġużepp Desira, biddel ir-rotta. Inzerta li ma tantx kien temp tajjeb – għaddiha minn Triq San Girgor, Triq Santa Monika, Triq San Ġużepp, wara l-knisja, u minn hemm għall-knisja minn Triq San Girgor…. sa ma ġiet kif nafuha llum. Quddiem l-istatwa kienu jimxu erba’ rġiel b’libsa ntiera sewda bl-ingravata (jew ċoff), jerfgħu minn maqbad bħal gastri ornamentali li fuqhom kien ikollhom l-arma ta’ Santa Katarina. L-arma kellha bekkijiet li kienu jinxtegħlu bl-aċitilena.

Rigward il-Festa tal-Madonna tad-Duttrina (festa tas-sajf li kienet issir f’Ġunju), ta’ min jgħid li l-armar ta’ barra li kien jintuża għall-festa ta’ Santa Katarina, fil-fatt kien tal-festa tad-Duttrina kien jintuża fiż-żewġ festi. Fiż-żewġ festi kienu jieħdu sehem il-baned bil-logħob tan-nar u l-ġigġifogu, meta bejn seba’ arbli kienu jiffurmaw il-faċċata tal-knisja, tixgħel. Għaż-żewġ festi kien hemm gajjiet ta’ nies tal-faħam – dawk tal-art u dawk ta’ abbord. Il-bandalora li llum toħroġ fil-bidu tal-purċissjoni tar-Rużarju, kienet saret (u tinħareġ) f’dik tad-Duttrina. F’tad-Duttrina kienu jieħdu sehem ukoll tfal tal-Preċett. Għall-festa ta’ Santa Katarina u tad-Duttrina kienu jiżżanżnu l-ilbiesi!!