Il-Parroċċa Żejtun – Storja u Arkitettura

Kitba ta’ Ruben Abela

Fejn Tinsab

Il-knisja parrokkjali ta’ Santa Katerina tinsab fin-nofs ta’ wesgħa triangolari imdawra bi tliet pajzez f’kull waħda mil-ponot tat-trianglu. Dawn huma Misraħ Girgor Bonici, li huwa meqjus bħala l-pjazza ewlenija tal-belt; Misraħ ir-Repubblika, li huwa estensjoni taz-zuntier tal-knisja u l-Oratorja ta’ magħha; u Misraħ Diċembru 13, li huwa spazju għall-parkeġġ fuq in-naħa ta’ wara tal-knisja. Il-knisja nbniet f’post prominenti: naħa magħrufa bħala Il-Gwiedi… plural ta’ Gudja, li tfisser għolja. Fil-fatt dan il-post jinsab fuq waħda minn sensiela ta’ għoljiet, fix-xaqliba tax-xlokk tal-gżira, li fil-parti l-kbira tagħha hija art pjuttost watja. Meta taraha min-naħa tat-Triq tal-Barrani jew mit-Triq ta’ Bormla, il-knisja tidher tiddomina il-pajsaġġ.

Art Mogħtija minn Girgor Bonici

L-art li fuqha hija mibnija l-knisja, ingħatat minn Girgor Bonici u Tumas Abela. Girgor Bonici kien ġej minn familja nobbli u kellu palazz u diversi propjetajiet oħra fiż-Żejtun. Dik il-ħabta, huwa kien il-Ħakem tal-Imdina u l-kap tal-Kunsill Popolari, kariga li kważi nistgħu nqabbluha ma’ dik ta’ Prim Ministru tallum. L-art magħżula sabiex fuqha kellha tinbena l-knisja l-ġdida, kienet madwar nofs mil bogħod mill-knisja l-qadima … knisja medjevali li llum hija magħrufa bħala “ta’ San Girgor”. L-għażla tal-art qajmet kontroversja sħiħa fost iż-Żwieten. Peress li l-knisja l-ġdida kienet se tkun bogħod sewwa mit-tliet irħula li dik il-ħabta kienu jiffurmaw iż-Żejtun; jiġifieri Ħal Bisqallin, Ħal Bisbut u Ħal Ġwann, daħlet ċerta pika bejn l-abitanti ta’ dawn l-irħula. In-nies ta’ Ħal Bisbut u Ħal Ġwann riedu li l-knsija l-ġdida tibena aktar qrib tagħhom. Fil-fatt, Girgor Bonici għall-ewwel kellu l-ħsieb li l-art tkun faċċata tal-palazz tiegħu Aedes Danielis, imma peress li dan il-post kien se jkun bogħod sewwa minn Ħal Bisqallin, intgħażlet biċċa art oħra li kienet aktar ċentrali. U dan huwa propju l-post fejn llum tinsab il-knisja parrokkjali.

Il-faċċati kollha tal-knisja huma kważi kollha mikxufin, minbarra parti min-naħa tat-tramuntana, li għandha jmiss magħha l-Oratorju u parti miċ-ċentru parrokkjali. Il-faċċata ewlenija tal-knisja tħares lejn il-punent, il-ġnub iħarsu lejn it-tramuntana u n-nofsinhar rispettivament, u huma kkaratterizati minn tliet ħitan bl-arkati jostru l-ilqugħ strutturali tat-troll tal-korsija.

Stil

Il-knisja kienet iddisinnjata mill-magħruf arkitett barokk Lorenzo Gafà, iżda tlestiet minn kollox għexieren ta’ snin wara mewtu. Huwa fatt magħruf li l-knisja kif inhi llum mhix mija fil-mija skont id-disinn ta’ Gafà. Dan l-arkitett iddisinnja bosta knejjes, fosthom il-katidral tal-Imdina, dak taċ-Ċittadella t’Għawdex, kif ukoll il-knejjes tas-Siġġiewi u l-Qrendi. B’danakollu l-knisja taż-Żejtun hija meqjusa bħala l-kapolavur tiegħu. Il-kapumastru nkarigat mix-xogħol kien Xandru Pulis, imwieled Bormla iżda wara li żżewweġ liż-Żejtunija Marietta Cachia, kien mar joqgħod iż-Żejtun fin-naħa ta’ Ħal Bisqallin.

Il-knisja hija mfassla fuq l-għamla ta’ salib Latin, bin-navi mal-ġnub. Il-korsija hija twila 46m u wiesgħa 9m; waqt li min-naħa tal-kappelluni hija 33m wiesgħa.

It-tliet ordnijiet ewlnin tal-arkitettura huma wżati fil-faċċata, jiġifieri id-Doriku insibuh fil-livell ta’ taħt, il-Ioniku fit-tieni livell, waqt li l-Kompost insibuh fil-kampnari. Il-faċċati hija mqassama f’seba’ taqsimiet deħlin u ħerġin; b’hekk joħroġ aktar l-istll eleganti tal-Barokk permezz tal-effetti tad-dawl u d-dell.

It-Tqegħid tal-Ewwel Ġebla

Iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-ewwel ġebla saret mill-Isqof Davide Cocco Palmier, fil-25 ta’ Novembru 1692, festa ta’ Santa Katerina. Il-knisja damet mhux ħażin sa ma tlestiet minn kollox. Fl-14 t’Awwissu 1707 l-istess isqof solennement ittrasporta s-Santissmu Sagrament mill-knisja qadima għal din il-ġdida, meta tlestiet il-korsija. Fir-rapport taż-żjara tal-1709, hemm dettalji ta’ kif kienet il-qagħda tal-knisja, fl-24 ta’ Ġunju 1709. Hemm miktub li l-korsija kienet tlestiet, imma x-xogħol fuq il-kor u l-kappelluni kien għadu fil-bidu.

Progress Fix-Xogħol

Sa l-1733 kienu tlestew il-kor, iż-żewġ kappelluni u l-koppla. Peress li n-navi ma kinux għadhom inbnew, l-artali tal-ġenb kienu tqiegħdu fil-korsija. Il-knisja kellha biss kampnar wieħed, li kien fuq il-kappellun tan-nofsinhar. Dan juri li f’xi żmien kienet ittieħdet id-deċiżjoni li l-knisja titħalla strettament fuq l-għamla ta’ salib, bil-kampnari fuq id-dirgħajn tal-kappelluni, bħalma huma l-knejjes tal-Qrendi u Ħal Għaxaq. Fil-ħxuna tal-ħitan tal-kappellun tan-nofsinhar, għadha sal-lum tidher il-forma ttundjata tal-ħitan li kienu se jissapportjaw il-garigor li jagħti għall-kampnar.

Il-Konsagrazzjoni

Nhar l-10 ta’ Mejju 1744, l-Isqof Alpheran de Bussan, solennement ikkonsagra l-knisja l-ġdida ta’ Santa Katerina. B’danakollu jidher li x-xogħol kollu ma tlestiex qabel l-1778, bil-bini tan-navi. Wara aktar investigazzjoni fl-istruttura tal-knisja, instabet id-data tat-3 ta’ Mejju 1779, minquxa fuq iċ-ċavi ta’ waħda mill-ħnejjiet tan-naħa tat-tramuntana. Jidher li din hija d-data ta’ meta tlestiet l-aħħar ħnejja, possibilment id-data ta’ meta l-knisja tlestiet kompletament.

Il-Koppla

Fl-1857 kien ġie rrestawrat il-frontispizju wara li kienet ġratlu xi ħsara meta ntlaqat waqt maltempata. Ix-xogħol kien sar mir-Royal Engineers u d-data ta’ dan ir-restawr tinsab minquxa fuq wara tal-frontispizju.

Ftit wara li nbnew il-korsija u l-koppla, kien ġie rrappurtat li jekk ma jittellgħux in-navi, kien hemm il-periklu li l-korsija tiġġarraf. Jidher li fl-1791, il-koppla ta’ Gafà diġa kellha xi problemi strutturali. Il-koppla oriġinali mibnija fuq id-disinn ta’ Ġafà ma kellhiex lanterna. Jidher li dil-problema strutturali baqgħet tkaxkar sal-bidu tas-seklu 20 meta kien tħejja rappport tekniku mill-arkitetti Annibale Lupi u Salvo Sacco, ikkommissjonat mill-parroċċa fl-1907. Dawn kienu rrakkomandaw li tinbena koppla ġdida, minflok dik għamla ta’ skutella; koppla li jkollha għamla aktar għolja u b’hekk tkun tiflaħ il-piż tal-lanterna. Id-disinn tal-koppla l-ġdida u l-lanterna, li kienu se jinbnew fuq it-tanbur ta’ Gafà, sar minn Mastru Giuseppe Zahra u x-xogħol sar minn Carmelo Vella … it-tnejn miż-Żejtun. Fir-rapport tagħhom l-arkitetti kienu nnotaw li l-gwarniċun ta’ fuq in-naħa ta’ wara u fuq parti mill-ġenb, kien għadu nofs xogħol u għalhekk issuġġerew li jitkompla.

1950

Fil-ħamsinijiet, infetaħ bieb fuq in-naħa ta’ wara tal-knisja bil-għan li jkun hemm aċċess ġdid għas-sagristiji. Biex dan seta’ jsir kellu jinfetaħ passaġġ fil-ħxuna tal-ħajt preċiżament wara l-pittura tal-artal maġġur. Saru wkoll niċeċ fil-ħitan u taraġ jagħti għall-kmamar li nbnew fuq is-sagristiji. Dawn ix-xogħlijiet kollha saru ġol-ħxuna enormi tal-ħitan. Fit-tarf tad-disgħinijiet ġie nnotat li f’wieħed mill-pilastri ewlenin li jerfgħu l-koppla bdew jidhru xi konsenturi, u wara stħarriġ bir-reqqa irriżulta li dawk il-konsenturi kienu kkaġunati mit-tħaffir li kien sar fil-ħxuna tal-ħitan fis-snin ħamsin. Bħala prekawzjoni, dawk l-ispazji kollha li kienu tħaffru fil-ħxuna tal-ħitan, reġgħu mtlew kif kienu, u żdied infurzar strutturali sabiex tissaħħaħ il-binja kollha. Sallum għadu għaddej monitoraġġ kontinwu.

Fl-1990, il-laterna nħattet u nbniet mill-ġdid, waqt li sentejn wara il-ponot tal-kampnari wkoll inħattu u reġgħu nbnew.

Illum il-bini tal-knisja qed jistenna bil-ħerqa li jiġi irrestawrat minħabba li l-mogħodija taż-żmien qed tħalli l-effett tagħha fuq il-ġebla tal-franka.