L-Iżvilupp tal-Irħula fiż-Żejtun
Kitba ta’ Dun Joe Abela
L-industrija tal-għasir taż-żejt ilha teżisti fl-inħawi taż-Żejtun għal numru kbir ta’ snin, u prova ċara ta’ dan hu l-kumpless tal-għasir taż-żebbuġ biex isir iż-żejt, li jinsab fil-limiti tal-iskola sekondarja fiż-Żejtun stess. Il-kelma “żejtuna” tfisser żebbuġa (il-frotta). Fil-fatt l-isem “Żejtuna”, u derivazzjonijiet oħra mill-kelma “żejtuna”, huma mxerrdin f’numru kbir ta’ postijiet, l-aktar fl-Afrika. Barra ż-Żejtun għandna lokalitajiet oħra, kemm f’Malta wkoll f’Għawdex, li isimhom hu marbut mal-għasir taż-żejt.
Iżda meta nitkellmu dwar ir-raħal tagħna fi żmien l-imgħoddi u nużaw l-isem “Żejtun”, ma nifhmux biss il-parroċċa tagħna kif nafuha llum, iżda pjuttost il-parti l-kbira mil-Lvant u x-Xlokk ta’ Malta. Għaliex fil-qedem iż-Żejtun kien jikkonsisti f’numru konsiderevoli ta’ żoni żgħar li l-parti l-kbira tagħhom m’għadhomx jagħmlu mal-parroċċa tal-lum. Hekk dawn l-irħula żgħar li ġejjin, li xi wħud minnhom insejniehom, kollha kienu jinsabu fit-territorju taż-Żejtun.
Raħal Bisqallin | Illum insejħulu r-Raħal t’Isfel; mill-kelma “Pasqualino”. |
Raħal Ġwann | Illum ngħidulu Ta’ Tablin, wara Sant’ Anġ; minħabba l-knisja ddedikata lil San Ġiovanni, li llum spiċċat. |
Raħal Biżbud | Ir-Raħal ta’ Fuq tal-lum; il-kelma biżbut tirreferi għal tip ta’ qasab. |
Raħal Bajda | Li jinkludi Bir-id-Deheb; minħabba l-kulur bajdani tal-art u l-ħamrija. |
Raħal Għaxaq | Illum parroċċa għalih; ir-razzett ta’ Għaxaq, kunjom li għadu popolari Sal-lum. |
Raħal Ħarrat | Viċin il-kappella ta’ San Gejtanu; ir-Razzett ta’ Ħarrat (Ingliż: wood- turner. |
Raħal Tmin jew Għadieri | Ħal Tmin tal-lum; ir-razzett ta’ Temim Assant. |
Il-Bidni | Fuq Wied il-Għajn; l-għalqa tal-bidwi mibni sħiħ u msawwar tajjeb. |
Raħal Sajd | Bejn Wied il-Għajn u Ħaż-Żabbar; post tas-sajjieda. |
Raħal Żabbar | Żabbar innifsu, lejn il-Misraħ. |
Matul iż-żminijiet, dawn l-irħula żgħar, li fihom kienu jgħixu numru ċkejken ta’ nies, jew ingħaqdu f’raħal akbar, u hekk ġara fil-każ tal-irħula Bisqallin, Ġwann, Biżbud u Bajda, li flimkien bdew jiffurmaw ir-raħal taż-Żejtun; jew tant kienu viċin il-baħar, li kellhom jiġu abbandunati peress li r-residenti tagħhom bdew jibżgħu mill-inżul tas-sibbien Misilmin. Hekk, per eżempju, ġara fil-każ ta’ Raħal Ħarrat, li kien viċin wisq tal-Bajja ta’ San Tumas, u hekk espost ħafna għall-attakki tal-furbani. Ma rridux ninsew li qabel il-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, ix-Xlokk ta’ Malta kien nieqes minn kull forma ta’ difiża. Kulma kien jeżisti kienet id-Dejma, li aktar kellha skop li tħabbar l-inżul tal-għadu, milli tiddefendi l-Maltin.
Hekk, qabel il-miġja tal-Kavallieri fl-1530, iż-Żejtun kien jikkonsisti fi ftit irħula, tista’ tgħid mifruda minn xulxin, iżda viċin ħafna xulxin. Bejn wieħed u ieħor, Il-popolazzjoni taż-Żejtun ma kenitx wisq aktar minn 2000 ruħ. Il-ħajja għalihom kienet wisq iebsa. Kienu jaqilgħu x’jieklu l-aktar mill-biedja, u l-frott tar-raba’ l-aktar komuni kien il-qoton li kien jipprovdi xogħol lill-irġiel u ġuvintur fir-raba’, u lin-nisa u t-tfajliet f’darhom. Ma rridux ninsew li ż-Żwieten kienu wkoll sibbien. Allura l-faqar u l-mard kienu ħwejjeġ li jkexkxuk. Meta ma tagħmilx xita biżżejjed, jew meta ma jiġix qamħ minn Sqallija, minħabba l-maltemp jew l-attakki tal-furbani, ħafna Żwieten kienu litteralment imutu bil-ġuħ. Għalhekk għandna l-qawl li jgħid li Malta qatt ma rruftat qamħ. U xi ngħidu għal tant irġiel u nisa Żwieten li kienu jsibu ruħhom ilsiera fl-Afrika ta’ Fuq. U tant nisa u ommijiet li sfaw romol minħabba f’hekk. Iż-Żwieten ma kienx ikollhom ħin ifittxu rifuġju fi “Castellum Maris”, u barra minn hekk, ma kienx hemm post biżżejjed għalihom. Hu probabbli li bħall-bqija tal-Maltin, iż-Żwieten saru Misilmin fi żmien il-ħakma tal-Għarab f’Malta li damet mis-seklu 9 sas-seklu 12 W.K., meta Malta waqgħet f’idejn in-Normanni li kienu Nsara. Bil-mod il-mod iż-Żwieten reġgħu qalbu għar-Reliġjon Nisranija, iżda biex sar dan kellhom jgħaddu ħafna snin. Hekk fiż-Żminijiet Medjevali Tardivi, bdew jinbnew knejjes żgħar barra l-Imdina u l-Birgu, li allura sar it-tieni parroċċa ta’ Malta u ż-Żejtun beda jagħmel miegħu. Waħda minn dawn il-knejjes żgħar kienet proprju fiż-Żejtun. Kienet tikkonsisti f’binja rettangolari, bil-bieb prinċipali jħares lejn fejn illum naraw l-istatwa ta’ San Girgor, bil-paviment miksi biċ-ċangatura, u s-saqaf bix-xorok li jserħu fuq ħnejja. In-naħa tal-artal kien aktarx jispiċċa b’abside. Din il-knisja ċkejkna, li fil-preżent hi inkorporata mal-knisja spazjuża li llum insejħulha “San Girgor”, kienet dedikata lil Santa Katarina V.M., devozzjoni li kienu l-Kruċjati Nsara tas-sekli 11 u 12 li daħħlu f’Malta. Fis-sena 1436, l-Isqof ta’ Malta Senatore de Mello ġabar lista ta’ kappelli ta’ dak iż-żmien. F’din il-lista jsemmi 10 kappelli, fosthom Santa Katarina taż-Żejtun. Dan ifisser li fl-1436 iż-Żejtun kien diġà parroċċa, u allura l-knisja parrokkjali kienet il-kappella ċkejkna li semmejna. Kappillan kien Dun Pawl Branchel.
Din il-knisja ċkejkna damet isservi bħala l-knisja parrokkjali tax-Xlokk ta’ Malta għal numru sewwa ta’ snin, jiġifieri minn xi snin qabel l-1436 sas-sena 1492, meta ġiet mibnija mill-ġdid skont kitba b’ittri gotiċi. Il-knisja l-ġdida tal-1492, li allura nbniet fejn tinsab biss il-kursija tal-knisja preżenti, kellha wkoll forma rettangolari, iżda kellha saqaf aktar sofistikat, u kienet wisq akbar mill-ewwel knisja. Ix-xorok tal-ġebel fis-saqaf tpoġġew iduru mal-ħnejjiet bil-ponta, b’tali mod li nħbew il-partijiet ta’ fuq tal-ħnejjiet li qabel kienu jagħtu dehra kerha fis-saqaf.
Mal-miġja tal-Kavallieri fl-1530, il-Maltin bdew bil-ftit il-ftit igawdu mill-prosperità li dawn il-Kavallieri ġiebu magħhom. Iż-Żwieten bdew isibu impiegi fuq ix-xwieni tagħhom u fil-bini tal-fortifikazzjonijiet, palazzi u knejjes. Il-Kavallieri ġiebu magħhom ukoll ċerta sigurtà, li qabel tant kienet nieqsa, speċjalment fix-Xlokk ta’ Malta. Ġiebu wkoll titjib fl-iġjene u s-saħħa tal-poplu, peress li kienu wkoll ospedalieri. Hekk iż-Żwieten gawdew, u l-progress naturalment ġieb miegħu żieda fil-popolazzjoni.
Fl-1565 it-Torok attakkaw lil Malta f’dak li għadu sal-lum jissejjeħ l-Assedju l-Kbir. Wara li niżżlu l-forzi kbar tagħhom f’Marsaxlokk, saret l-ewwel taqtigħa bejn is-suldati tagħhom u numru ta’ kavallieri fl-inħawi taż-Żejtun. It-Torok ma damux ma ħatfu f’idejhom il-Knisja ta’ San Girgor. Wara ġlieda li damet ittawwal madwar tliet xhur, il-Kavallieri u l-Maltin irnexxielhom ikeċċu l-għedewwa minn gżiritna, iżda dawn laħqu ħallew ħerba kbira mill-knejjes u d-djar tal-Maltin fil-kampanja. Fis-sena 1575, Mons. Pietro Dusina, mibgħut mill-Vatikan, għamel żjara pastorali fil-gżejjer tagħna, u ħallielna rapport dettaljat ta’ dak li ra fil-parroċċi tagħna, fosthom iż-Żejtun. Kitbilna li fiż-Żejtun sab dsatax-il knisja. Iżda sab li l-knisja parrokkjali taż-Żejtun, dik llum imsejħa ta’ San Ġirgor, kienet wisq imbiegħda mill-abitat, u ordna li s-Sagramenti jingħataw minn knisja żgħira oħra fil-qalba ta’ fejn joqogħdu r-residenti. Fl-istess żjara l-Viżitatur Apostoliku waqqaf fil-parroċċa l-Fratellanza ta’ Ġesù Sagramentat.
Għaddew ftit tas-snin, u beda jinħass li l-knisja parrokkjali titkabbar għal darb’oħra. Hekk, lejn is-snin 1593 u 1603 inbnew il-kappelluni, b’dak tat-Tramuntana ddedikat lill-Madonna tar-Rużarju u dak tan-Nofs in-nhar iddedikat lil San Girgor Papa, biex ifakkar il-pellegrinaġġ li kull sena kien isir minn Malta kollha għal din il-knisja nhar it-12 ta’ Marzu, wara wegħda magħmula mill-Isqof Cubelles, jitlob għall-paċi bejn ir-renjanti Nsara. Dan il-pellegrinaġġ għadu jsir sallum, iżda l-importanza tiegħu ġiet imnaqqsa ħafna, u l-Maltin jippreferu jmorru jixxalaw fir-raħal marittimu ta’ Marsaxlokk. Fil-knisja ta’ San Girgor għandna kwadru ta’ San Girgor Papa mpitter minn Giulio Cassarino. Il-kwadru titulari jirrapreżenta l-martirju bir-rota ta’ Santa Katarina V.M., filwaqt li fil-kappellun tat-Tramuntana llum hemm kwadru tal-Madonna tal-Karmnu donazzjoni tal-Granmastru Perellos, iżda dan kien tqiegħed hemm minflok ieħor tar-Rużarju. Iż-żewġ statwi tal-ġebel fuq il-presbiterju inġiebu mill-kappella ta’ Santa Katarina fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Valletta. Il-koppla hi waħda mill-koppli l-aktar primittivi f’Malta. Madwar il-kappellun tal-lemin instabu passaġġi sigrieti minn fejn iż-Żwieten kienu jgħassu għall-inżul tat-Torok fil-bajjiet viċini ta’ Marsaxlokk, San Tumas u Wied il-Għajn.
Komplew għaddew is-snin u l-popolazzjoni taż-Żejtun kompliet tikber. Fl-1614, forza tal-għadu niżlet f’Wied il-Għajn, u għamlet ħerba mill-knisja ta’ San Girgor. Wara li tkeċċew mill-Kavallieri u ż-Żwieten, marru għamlu ħerba mis-santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa. Żejtuni li ddistingwa ruħu għall-qlubija li wera f’din it-taqbida kien Klement Tabone, li bħala wegħda bena l-knisja ta’ San Klement fiż-Żejtun. Il-popolazzjoni taż-Żejtun tant kibret, li fl-1616 Ħaż-Żabbar inqata’ bħala parroċċa indipendenti miż-Żejtun, u għaxar snin wara inqata’ Ħal Għaxaq.
Fis-seklu 17, iż-Żwieten bdew igawdu sewwa mill-prosperità u s-sigurtà li ġiebu magħhom il-Kavallieri, speċjalment bil-ħafna mezzi ta’ difiża li bnew matul is-seklu fuq il-kosta tax-Xlokk ta’ Malta; speċjalment it-torrijiet maestużi ta’ San Luċjan f’Marsaxlokk u ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn. In-numru ta’ nies fiż-Żejtun proprju, minkejja l-parroċċi li nqatgħu minnu, issa tela’ għal aktar minn 3000. Il-knisja l-qadima ta’ San Girgor kellha żvantaġġi kbar. L-ewwelnett ma kenitx kbira biżżejjed biex takkomoda kongregazzjoni ġmielha; it-tieni kienet wisq ’il bogħod minn fejn kienu jgħixu ż-Żwieten, u t-tielet, minkejja d-difiża tax-Xlokk li semmejna, il-biża’ mit-Torok kien għadu jberren fi mħuħ u qlub iż-Żwieten. Barra minn hekk, fit-tieni nofs tas-seklu 17, Malta kienet għaddejja minn qawmien artistiku ġmielu. Matul is-seklu nbnew diversi knejjes parrokkjali, kollha fuq stil barokk, f’parroċċi oħra. U ż-Żwieten bdew jaraw li San Girgor tagħhom ma kienx igawdi l-arti li kienet iżżejjen lil dawn il-knejjes parrokkjali ġodda. Allura bdew jaħsbu biex itellgħu knisja parrokkjali ġdida li tkun spazjuża u li tkun milħuqa mill-irħula kollha li kienu jiffurmaw iż-Żejtun fis-seklu 17: Bisqallin, il-Gwiedi, Ħal Bisbut u San Ġwann. Girgor Bonici, sinjur kbir u ħakem tal-Imdina kellu palazz Aedes Danielis fiż-Żejtun. Għalkemm miżżewweġ, tfal ma kellux. Hu l-akbar donatur tal-knisja parrokkjali preżenti taż-Żejtun. Fit-testment ħalla l-imgħax ta’ ġidu biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-bini tal-knisja. Kappillan kien Dun Ugolin Bonici, li kien parentela miegħu. Ġie mqabbad l-aqwa arkitett Malti ta’ dak iż-żmien biex iħejji l-pjanta: Lorenzo Gafà. L-ewwel ġebla tal-knisja tqiegħdet mill-Isqof ta’ Malta, Mons. Davide Cocco-Palmieri, nhar il-25 ta’ Novembru 1692, festa ta’ Santa Katarina.