Warning: Declaration of description_walker::start_el(&$output, $item, $depth, $args) should be compatible with Walker_Nav_Menu::start_el(&$output, $item, $depth = 0, $args = Array, $id = 0) in /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-content/themes/ZEJTUN-2013/functions.php on line 427

Warning: Cannot modify header information - headers already sent by (output started at /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-settings.php:425) in /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-content/plugins/multilingual-press/inc/hreflang-header/Mlp_Hreflang_Header_Output.php on line 100

Warning: Cannot modify header information - headers already sent by (output started at /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-settings.php:425) in /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-content/plugins/multilingual-press/inc/hreflang-header/Mlp_Hreflang_Header_Output.php on line 100
Preistorja sa’ Żmien il-Biżantini | Zejtun Religious Heritage Trail (Malti)
Warning: count(): Parameter must be an array or an object that implements Countable in /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-includes/post-template.php on line 284

Warning: count(): Parameter must be an array or an object that implements Countable in /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-includes/post-template.php on line 284

Warning: count(): Parameter must be an array or an object that implements Countable in /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-includes/post-template.php on line 284

Warning: count(): Parameter must be an array or an object that implements Countable in /nfs/c08/h05/mnt/171889/domains/zejtunreligiousheritage.org/html/wp-includes/post-template.php on line 284

Preistorja sa’ Żmien il-Biżantini

Kitba ta’ Anthony Bonanno

L-għan ta’din il-kitba huwa li niskopru il-pajsaġġ Żejtuni u l-wirt storiku tiegħu sabiex aħna, kif ukoll kull min iżurna, inkunu nistgħu napprezzaw dak li hu tagħna lkoll, ngħożżuh u nibżgħu għalih. Biex nagħmlu dan ma naqbdux u nivvintaw dak li aħna nobsru li ġara, iżda nsejsu l-istorja mgħoddija tagħna fuq evidenza ta’ min jorbot fuqha billi nirrikorru għad-dokumenti miktuba (kitbiet u rakkonti storiċi kemm jista’ jkun qrib dawk iż-żminijiet, jew arkivji ta’ kuntratti, reġistrazzjonijiet ta’ twelid, żwiġijiet u mwiet). Iżda hemm żminijiet twal, bħal tul il-preistorja kollha, meta l-kitba kienet għadha ma waslitx f’dawn il-gżejjer. Hemm żminijiet oħra meta l-kitba li għandna ma tasalx biex iddawwal dawk l-aspetti tal-ħajja li jinteressawna. Għalhekk nirrikorru wkoll għad-dokumentazzjoni materjali li tagħtihomlna biss l-arkeoloġija, dik ix-xjenza li tfittex u tistudja l-fdalijiet materjali li għadhom jidhru jew dawk li huma mistura taħt l-art.

B’dawn il-mezzi f’idejna nixtieqkom tingħaqdu miegħi biex flimkien nagħtu titwila ħafifa fuq iż-Żejtun u l-inħawi tiegħu matul iż-żminijiet tal-qedem, minn meta rifsu fuq din il-gżira l-ewwel bnedmin, sa Żmien il-Ħakma tal-Imperu Biżantin. Biex nagħmlu dan, nixtieq tiġu miegħi fuq vjaġġ żgħir ta’ ftit minuti permezz ta’ magna immaġinarja taż-żmien li teħodna lura fiż-żmien. Għal dan il-għan irridu nużaw ħafna l-għajnejn ġewwinija tagħna, dawk tal-immaġinazzjoni, billi nneżżgħu l-art ta’ madwarna minn dak kollu li żied il-bniedem minn meta ġie hawn (l-għelieqi bil-ħitan tas-sejjieħ, il-bini, it-toroq) u narawhom jitilgħu ftit ftit hekk kif nibdew resqin lejn il-preżent.

Nibdew billi mmorru lura għal iktar minn 7000 sena ilu, meta dawn il-gżejjer kienu għadhom fl-istat naturali tagħhom. Jekk inħarsu mill-ajru, naraw kampanja li tikkonsisti f’għoljiet imdawrin b’widien li kienu jwasslu lejn il-baħar dak il-ftit ilma tax-xita li ma jilħaqx jinxtorob mill-art.

Malli l-ewwel bnedmin bdew jgħixu fi gżiritna fi Żmien il-Ħaġar Bikri (madwar 5000 sena q.K.), huma kienu jgħammru fl-għerien, bħal dak ta’ Għar Dalam li llum jinsab mat-triq li tieħu miż-Żejtun għal Birżebbuġa, jew f’għerejjex modesti mibnijin bil-qasab u t-tajn tat-tafal, imħaddnin flimkien fi rħula żgħar ta’ ftit familji. S’issa f’dawn l-inħawi ma nstabu l-ebda fdalijiet ta’ dan it-tip ta’ raħal; f’Malta hemm biss wieħed fi Skorba, iż-Żebbiegħ. Iżda dan ma jfissirx li m’hemmx, jew qatt ma kien hemm fdalijiet bħal dawn. Dawn setgħu nqerdu bil-bini jew bl-izvilupp, jewinkella għadhom mistura taħt il-ħamrija, jistennew lill-arkeoloġi jiġu jikxfuhom.

Meta n-nies ta’ Żmien il-Ħaġar Imwaħħar bdew jibnu l-ewwel bini tal-ġebel, it-tempji megalitiċi, bejn is-snin 3600 u 2500 q.K., huma kienu xterdu mal-gżira kollha ta’ Malta. Fl-inħawi taż-Żejtun huma bnew mill-inqas tliet tempji minn dawn. L-ikbar kumpless kien dak li bnew fuq l-għolja żgħira ta’ Tas-Silġ. Qabel konna naħsbu li dan kien jikkonsisti f’tempju wieħed, minn barra b’ħajt f’għamla ta’ nagħla u b’faċċata mqammra, it-tnejn mibnijin b’ġebel kbir wieqaf, u minn ġewwa bi pjanta simmetrika ta’ ħamest ikmamar kull waħda f’għamla nofs tond; kien jixbah lil wieħed mit-tempji ta’ Ħaġar Qim, li kellu daħla kemm quddiem kif ukoll wara. Iżda dan it-tempju ma kienx waħdu; maġenbu kien hemm strutturi oħrajn li tagħhom kienu għadhom jidhru fdalijiet ta’ ġebel kbir imxerrdin fuq l-għolja kollha. Tiftix arkeoloġiku riċenti kixef uħud minn dawn l-istruttura, tant li issa naħsbu li kien hemm saħansitra erba’ tempji separati. Għaldaqstant illum għandna iktar xhieda biex naħsbu li fuq l-għolja ta’ Tas-Silġ kien hemm diġa santwarju mdaqqas li jħabbatha ma’ dawk ta’ Ħal Tarxien, l-Imnajdra u Ħaġar Qim.

Tempju ieħor tal-istess żmien, iżda iżgħar, inbena f’Ħal Ġilwi, daqs 500m ’l bogħod minn Tas-Silġ, iktar lejn iż-Żejtun. Dan tħaffer minn Temi Zammit u reġa’ tgħatta. Ieħor illum jinsab fuq xifer l-irdum fuq il-promontorju ta’ Xrobb il-Għaġin. Il-biċċa l-kbira tiegħu ġġarrfet u waqegħt għal isfel fil-baħar. Il-biċċa li baqa’ bilkemm tidher għax mirduma taħt it-terrapien. Il-qagħda tiegħu, f’xifer l-irdum, hija waħda stramba għall-aħħar u aktarx ma kienetx hekk mill-bidu. Aktarx li meta nbena, madwar 4000 sena ilu, kien ’il ġewwa sewwa fuq l-art, u biż-żmien il-baħar għamel tiegħu u kiel il-blat artab bajdani ta’ madwaru. Dan l-istess proċess naturali seħħ ukoll fuq il-ponta tal-Munxar fejn, f’għomor ta’ bniedem, sparixxiet taħt l-ilma biċċa kbira minnu; aħseb u ara x’seta’ ġara f’4000 sena.

Wara l-bennejja tat-tempji, ġew in-nies ta’ Żmien il-Bronż li kienu gwerrieri, għax tagħhom nstabu sjuf u mnanar tar-ram fiċ-Ċimiteru ta’ Żmien il-Bronż ta’ Ħal Tarxien. Dawn okkupaw l-għolja ta’ Tas-Silġ, iżda ma nafux għalxiex. Fit-taħfir arkeoloġiku nstabu biss biċċiet tal-fuħħar tagħhom u ftit fdalijiet ta’ strutturi, xhieda biżżejjed li kemm l-għolja kif ukoll l-istruttura ta’ qabel komplew jintużaw. L-istess ngħidu għan-nies li ġew warajhom, dawk tal-fażi ta’ Borġ in-Nadur. Dawn kienu jfittxu għoljiet bil-ġnub weqfin biex ikunu mħarsin minn xi ħbit ta’ xi furbani jew xi għadu. Fdalijiet ta’ għerejjex tagħhom nstabu fuq l-għolja ta’ Borġ in-Nadur li kienet ukoll iffortifikata b’sur mibni minn ġebel kbir mhux minġur fuq in-naħa fejn l-abitat kien fl-istess livell mal-bqija tal-kampanja. Hemmhekk ukoll, dawn in-nies okkupaw tempju ieħor u xi familji għammru ġol-fdalijiet tiegħu. Bir żgħir li nstab fil-propjetà tal-iskola sekondarja tal-bniet taż-Żejtun, aktarx li huwa tal-istess żmien għaliex jixbah bil-bosta lil bjar li nsibuhom ħafna f’irħula ta’ dawn iż-żminijiet, bħall-Imtarfa, il-Qlejgħa tal-Baħrija, in-Nuffara f’Għawdex, u saħansitra ma’ xifer il-baħar fil-Qajjenza, ftit ’il bogħod minn Borġ in-Nadur.

Imbagħad ġew il-Feniċi. Dawn għażlu li jwaqqfu belt fin-nofs ta’ Malta, fejn illum hemm l-Imdina u r-Rabat, u oħra fin-nofs ta’ Għawdex, fejn illum hemm iċ-Ċittadella u r-Rabat t’Għawdex. Iżda dawn kienu baħħara u negozjanti u għalhekk kellhom qxur tal-baħar li kienu jinħtieġu l-kenn tal-portijiet. Jidher li l-port favorit tagħhom kien dak ta’ Marsaxlokk għaliex għażlu li jwaqqfu l-maqdes tal-alla tagħhom Axtart fuq l-istess għolja ta’ Tas-Silġ. Hawnhekk huma użaw dak li kien għadu wieqaf mit-tempju megalitiku u żiedu miegħu. Minn hemm dan il-maqdes beda jieħu fama mal-irjieħ kollha tad-dinja u kienu jqimuh anke l-pirati li kienu jistkennu f’Malta matul ix-xitwa, kif ukoll Massinissa, is-sultan barbaru tan-Numidja (illum l-Alġerija).

Ta’ żmien il-Feniċi u s-suċċessuri tagħhom, il-Puniċi, instabu bosta oqbra fl-inħawi taż-Żejtun, wieħed minnhom fi triq Santa Katerina. Jgħidu li nstab ieħor waqt it-taħfir tax-xelter tal-gwerra fi Triq San Piju X. Dak ta’ Triq Santa Katerina kien trinka dejqa mħaffra fil-blat li mal-ġenb tagħha kienet tagħti għal kamra żgħira. Din kien fiha vażuni tal-fuħħar mimlija għadam tal-bnedmin maħruq. Il-preżenza ta’ oqbra bħal dawn turi li fl-istess inħawi kien hemm xi dar (jew razzett) fejn kienet toqgħod xi familja – għaliex l-ebda qraba ta’ xi ħadd li kien joqgħod fil-belt ma kienu se jieħdu l-intrigu kollu biex jidfnu l-mejjet daqshekk ’il bogħod.

Oqbra oħra mħaffrin fil-blat li jmorru lura għal żmien il-Puniċi, instabu f’diversi nħawi oħra ġewwa ż-Żejtun stess, bħal dawk fiċ-ċimiterju ta’ San Girgor (li l-fdalijiet ta’ wħud minnhom huma esibiti fil-Mużew Parrokkjali) , taħt id-djar ta’ Triq Dun Lawrenz Degabriele (tefgħa ta’ ġebla mill-Villa Rumana li se nsemmu iktar ’l quddiem). Numru ta’ oqbra nstabu wkoll fl-inħawi ta’ madwar iż-Żejtun, bl-ikbar konċentrazzjoni fuq in-naħa tal-Punent u l-Majjistral tar-raħal. Kważi nekropoli sħiħa nstabet f’għalqa msejħa Tal-Ħotba, bejn it-Triq tal-Barrani u Bulebel. Hawnekk, barra minn xi għoxrin qabar, instabet ukoll sistema ta’ kanali fil-wiċċ tal-blat li jidhru li kienu jagħmlu parti minn xi attività agrikola. Xi knaten ta’ daqs kbir li ntlemħu mhux ’il bogħod minnhom, għandhom mnejn huma fdalijiet ta’ xi bini antik.

Sejba simili saret fis-sena 2012 waqt tħammil li kien qed isir biex tinbena fabbrika ġdida flok oħra li twaqqgħet. Din saret f’naħa msejħa II-Bur ta’ Wara l-Andar, biswit Sqaq il-Merħla, madwar 500 metru ’l bogħod mill-oħra. Hawnhekk ukoll instabu xi knaten kbar, aktarx fdalijiet ta’xi binja qadima, forsi tal-istess żmien.

Fi żmien ir-Rumani, filwaqt li l-belt baqgħet l-istess, u bdiet tissejjaħ Melite, fil-kampanja djar u rziezet żgħar bdew jikbru u jiżdiedu u bdew jissejħu ‘vilel’. Ħafna drabi dawn kien ikollhom parti fejn tgħammar il-familja u l-ilsiera tagħha, u parti oħra fejn kien isir l-għasir taż-żejt. Dan kien jeħtieġ apparat goff tal-ġebel bi travi kbar tal-injam. Waħda minn dawn il-vilel kienet il-villa Rumana li nstabet fil-bitħa tal-iskola sekondarja tal-bniet taż-Żejtun. Waħda ikbar kienet fin-naħa msejħa ta’ Kaċċatura, ħdejn Għar Dalam. Din tal-aħħar kella wkoll giebja enormi li kienet, u għadha sal-lum, kapolavur tal-inġenjerija tal-qedem, maqtugħa fil-blat u msaqqfa b’xorok kbar u ħoxnin mimdudin fuq travi enormi tal-ġebel li jistrieħu fuq il-ħitan tal-ġnub u, fin-nofs, fuq sitt pilastri kbar weqfin. Jidher li l-villa taż-Żejtun kellha wkoll ġiebja bħal din, forsi xi ftit iżgħar, iżda imsaqqfa bl-istess mod; bid-differenza li x-xorok kienu jistriehu fuq tliet arkipjani b’samrotti enormi minflok fuq pilastri weqfin. Fl-1983 kont ippubblikajt ġiebja bħal din li kienet instabet f’L-Iklin fl-1976.

Waqt taħfir arkeoloħiku fl-1976, li kien sar taħt id-direzzjoni tiegħi fil-villa taż-Żejtun, instabet ukoll iskrizzjoni Punika fuq xaqqufa ta’ borma b’dedikazzjoni lil Axtart, l-istess alla li kienet meqjuma fis-santwarju ta’ Tas-Silġ, li bħalha nstab numru kbir fl-istess santwarju. Jidher ċar li dawn il-bwieqi, platti u borom bl-isem ta’din l-alla minqux fuqhom, kienu jinħmew apposta biex jintużaw waqt ir-riti reliġjużi fil-maqdes; iżda kultant xi waħda minn dawn kienet issib triqitha lejn l-abitazzjonijiet tal-inħawi.

Sadanittant is-santwarju ta’ Tas-Silġ baqa’ jiżdied fl-importanza tiegħu. Inbniet bitħa kbira quddiemu mdawra bil-kolonni. L-alla meqjuma hemm baqgħet Axtart, iżda ma’ isem din l-alla l-iskrizzjonijiet minquxin fuq il-fuħħar, bdew iġibu wkoll l-isem tagħha bil-Grieg: Hera. Kien f’dan iż-żmien li Kajus Verres, il-gvernatur Ruman ta’ Sqallija, bagħat xi lsiera biex jisirqu mit-tempju l-offerti prezzjużi li kellu, fosthom statwetti tal-avorju. F’dan iż-żmien komplew jitħaffru oqbra taħt l-art bħal dawk taż-żmien ta’ qabel; uħud minnhom instabu waqt tħammil tal-ħamrija għall-bini jew waqt taħfir għal xi trinka. Uħud minnhom instabu meta kienet qiegħda titħaffer trinka fil-blat fi Triq Tal-Barrani u oħrajn f’Ħal Ġilwi, fiċ-ċimiterju ta’ San Girgor u fi Triq San Klement.

Fis-sena 535 w.K. Malta waqgħet taħt l-imperu Ruman tal-Lvant, jiġifieri dak ta’ Biżanzju. Kien f’dan iż-żmien li l-bitħa l-kbira f’Tas-Silġ issaqqfet u saret knisja bi tliet navati sseparati minn żewġ ringieli ta’ kolonni. Mis-seklu erbgħa w.K. ’l hawn l-oqbra maqtugħin fil-blat taħt l-art bdew jieħdu xejra oħra. Bdew jitħaffru numru ta’ kmamar tad-dfin (ħafna drabi għal tnejn minn-nies kull waħda) fuq kull naħa ta’ kuritur. Bdew jitnaqqxu mal-ħitan tal-blat xi simboli tal-ewwel Insara u wħud minn dawn l-ipoġej kellhom mejda tonda mdawra fuq żewġ terzi minnha b’art imżerżqa fejn il-qraba tal-mejjet kienu jimteddu fuq ġenbhom biex jieqlu l-ikla tal-funeral jew tat-tifkira tal-mewt. Minn qabar li instab fi Triq Luqa Briffa kien ħareġ musbieħ b’simbolu Nisrani fuqu, li ispira lill-poeta Dun Karm biex jikteb il-poeżija “Il-Musbieħ tal-Mużew”.

Qabar sabiħ ta’ dan it-tip instab fit-Triq Tal-Barrani. Tista’ tgħid li huwa l-uniku qabar ta’ dan iż-żmien li nstab bla mittiefes. Għalhekk għandu importanza kbira u d-dinja tax-xjenza għadha tistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni tiegħu u l-wirja tal-oġġetti li nstabu ġo fih.

Jidher li d-djar Puniċi u l-vilel Rumani (bl-oqbra ta’ madwarhom) kienu l-ewwel nukleji ta’ abitat li fiż-Żminijiet tan-Nofs żdiedu bil-mod il-mod, sa ma bdew jiffurmaw irħula żgħar. Wara li tkeċċew l-Għarab mill-gżejjer Maltin u reġa’ tħaddan it-twemmin Nisrani, ma’ dawn l-irħula żgħar bdew jinbnew xi knejjes, li wħud minnhom biż-żmien saru wkoll parroċċi. Waħda minn dawn kienet il-parroċċa ta’ Santa Katerina taż-Żejtun, illum magħrufa bħala l-knisja ta’ San Girgor. B’hekk nistgħu ngħidu li r-raħal taż-Żejtun ifforma meta numru minn dawn l-irħula żgħar ingħaqdu flimkien taħt din il-parroċċa.