Il-Mużew
Vetrina – Arkeoloġija fiż-Żejtun
L-esibiti waslulna meta fl-1963, bidwi għamel sejba aċċidentali ta’ qabar Puniku-Ruman f’għalqa fl-Lvant tal-iskola sekondarja tal-bniet (il-Kulleġġ Santa Margerita, iż-Żejtun), qrib il-fdalijiet ta’ Villa Rumana. Il-qabar imħaffer fil-blat, magħmul minn passaġġ vertikali li jieħu għal kmajra orizzontali taħt l-art, intuża għal madwar ħames darbiet; tal-inqas darba lejn tmiem il-perjodu Puniku (c. 500-218 QK) [l-ixkaffa ta’ fuq], u bosta drabi oħra fil-perjodu Ruman (218 QK-535 WK) [l-ixkaffa tan-nofs]. L-amfora forma ta’ bajda fuq l-ixkaffa t’isfel tappartjeni għall-ewwel perjodu, mentri dik ikbar minnha li għandha parti nieqsa, tappartjeni għat-tieni perjodu.
Il-Madonna u Binha fuq it-Tron, Attribwita lil Antonio de Saliba
Ir-restawr riċenti li sar fuq il-pittura żvela li fl-1672, l-artist tal-Barokk Spanjol Pedro Nuñez de Villavicencio kien applika ż-żebgħa fuq il-ħolqien t’Antonio de Saliba. Oriġinalment, kienet parti minn trittiku, b’San Pawl u b’Santa Katerina ta’ Lixandra impittra fuq iż-żewġ pannelli laterali, u li probabbilment kienet intenzjonata li titqiegħed fuq l-altar maġġur tal-knisja parrokkjali qadima taż-Żejtun, illum magħrufa aħjar bħala ta’ San Girgor. L-ewwel dokumentazzjoni magħrufa tinsab f’rapport fuq iż-żjajjar pastorali tal-1693, fejn Fra Davide Cocco Palmiere jikteb li l-pittura kienet ġiet irrestawrata xi żmien qabel minn Fra Pietro Villavicente. Baqgħet hemm sakemm tmexxiet fl-1709, meta l-kappelluni fil-knisja parrokkjali l-ġdida kienu prattikament lesti, u li llum tinsab fil-kappellun tan-Nofsinhar fuq l-altar iddedikat lill-Madonna tar-Rużarju. Dan ix-xogħol hu t’importanza kbira għar-repertorju ta’ xogħlijiet Maltin li jaqgħu taħt it-tradizzjoni artistika tar-Rinaxximent Bikri fin-Nofsinhar tal-Italja u Sqallija tal-aħħar tas-seklu 15 u tal-bidu tas-seklu 16. Huwa tabilħaqq eżemplari, hekk kif jirrifletti b’mod ċar il-kwalità u l-istil żviluppat minn Antonello da Messina, liema ideat inġiebu Malta permezz t’artisti bħal Antonio de Saliba – li ma kienx biss qaribu, iżda wkoll involut b’mod attiv fil-ħanut tax-xogħol tiegħu.
Vetrina – Arġenterija Liturgika
Tul is-snin, bħal kull knisja qadima, il-knisja parrokjali l-qadima ġabret kwantità kbira t’oġġetti u tagħmir liturġiku. Dawn jikxfu l-qagħda ekonomika taż-Żejtun fis-seklu 17, anke jekk ir-relikwarju huwa evidenza ta’ donazzjonijiet li kienu għamlulha familji importanti. Mis-seklu 18 ’il quddiem, il-kollezzjoni t’arġenterija stagħniet kemm fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità.
Il-Martirju ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra, Attribwita lil segwaċi anonimu ta’ Caravaggio
Mhux magħruf jekk il-pittura ta’ Qtugħ ir-Ras ta’ Santa Katerina kenitx iddisinjata minn Caravaggio b’suġġett differenti, u wara li warrabha, artist qrib ħafna tiegħu irkupraha, biddel is-suġġett, u lestieha hu. Din it-tila tgawdi minn bosta elementi artistiċi u storiċi li llum il-ġurnata jagħmluha oġġett t’attenzjoni internazzjonali speċjali.
Vetrina – Ilbies Liturġiku
Minn kollezzjoni kbira ta’ lbies liturġiku, li wħud minnu għadu jintuża, huma esebiti biss żewġ pjaneti qodma mill-bidu tas-seklu 18 li kienu użati fil-knisja parrokkjali l-qadima ta’ Santa Katerina. Taħthom, iż-żewġ albi tal-għażel maħdumin lokalment u mżejnin b’bizzilla fina u kumplessa jgħaqqdu s-sett. Waqt iċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-qaddisa patruna taż-Żejtun, Santa Katerina ta’ Lixandra, jitpoġġew għall-wiri sett kbir ta’ pjaneti, dalmatiki u pivjali tal-bellus aħmar irrakkmati bid-deheb.
Il-Magħmudija ta’ Kristu, Attribwita lil Alessandro Algardi
Dan il-grupp ta’ skulturi bi tliet figuri miksi bil-bronz f’nofs is-seklu 17 huwa wieħed mill-ħamsa attribwit direttament lill-iskultur tal-Barokk Taljan Alessandro Algardi, anke jekk tajjeb li wieħed jinnota li jeżistu numru ta’ kopji oħrajn grazzi għall-faċilità kbira li joffri l-materjal biex isir dan. Il-mudell għandu l-karatteristiċi tipiċi tal-Barokk Klassiku meta mqabbel max-xejra kontemporanja Barokka ta’ Bernini: il-kompożizzjoni sempliċi, l-azzjoni statika jew affetti, u n-nuqqas ta’ movimenti dinamiċi żejda tal-piegi fid-drapp. B’hekk, Il-Magħmudija ta’ Kristu tappartjeni għal serje ta’ mudelli oħrajn li jistgħu jiġu riprodotti, bħalma hi Il-Flaġellazzjoni ta’ Corsini li tinkorpora karatteristiċi simili; jidher ċar li Mazzuoli uża dan il-mudell fuqiex seta’ joħloq l-iskultura titulari kbira li tinsab fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Tajjeb jingħad li jekk il-mudell t’Algardi mhux esklussiv għalih minħabba l-influwenza kontemporanja tal-Malti Melchiorre Gafà, xorta waħda jeżemplifika t-tradizzjoni artistika ta’ skulturi li kienet teżisti kemm f’Malta u partikolarment f’Ruma matul nofs is-seklu 17, u hu ta’ kwalità għolja biżżejjed biex jifforma parti mill-kollezzjoni nazzjonali.
San Mikiel Arkanġlu, Attribwita lil artist anonimu
L-istatwa ta’ San Mikiel maħduma fl-injam tirrifletti l-gosti kulturali li kellhom kappillani u retturi tal-knejjes f’Malta matul is-seklu 18. L-artikolazzjoni u l-polikromija preżenti f’dan ix-xogħol mhux biss jikxfu influwenza Spanjola iżda possibbilment l-oriġini tal-istatwa nfisha.
San Ġużepp, Attribwita lil artist anonimu
Magħmula mill-injam, l-istatwa ta’ San Ġużepp b’Ġesù Bambin f’idu kienet ilha snin twal fil-knisja parrokkjali l-qadima ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun. Il-valur artistiku li tgawdi minnha hu bbażat fuq il-polikromija u t-teknika tal-estofado. Għalkemm għadu mhux magħruf kif waslet iż-Żejtun, l-istil Spanjol u r-rabtiet kummerċjali li l-parroċċani kellhom mal-Peniżola Iberika matul is-seklu 18 jiżvelaw xi elementi ta’ dan il-misteru.
Kristu wara l-Flaġellazzjoni, Attribwita lil artist Spanjol
Din l-iskultura żgħira tal-injam, li kienet fuq wieħed mill-altari tal-knisja l-qadima tas-Salvatur fiż-Żejtun, hija unika minħabba l-oriġini Spanjola tagħha, indikata mid-dmugħ tal-ħġieġ u x-xagħar naturali ta’ mal-kappa tal-għajn. Artisti importanti tal-arti Spanjola kienu diġà ttrattaw dan is-suġġett, bħal Bartolomé Esteban Murillo li fl-1665, fil-pittura tiegħu esebita fil-Museum of Fine Arts, Boston, iffoka esklussivament fuq it-tbatija ta’ Kristu, li għażel mument wara li t-tormentaturi jkunu ħallew ix-xena. L-artist poġġieh bħala bniedem umli mal-art, b’ġilda kważi radjanti anke jekk b’ġisem ifflaġellat mimli feriti u selħiet. Għal din ix-xena, l-anġli juru kemm adorazzjoni kif ukoll kompassjoni lejn Kristu ttorturat, l-istess emozzjonijiet li din id-dehra kienet intenzjonata li tqanqal fl-udjenza tagħha. Murillo kien magħruf għall-verżjonijiet intensi ta’ martirju u estasi reliġjuż u għas-sbuħija sensuża taż-żebgħa li kien juża. F’din l-istatwa li tmur lura għas-seklu 18 u li għadha żżomm il-polikromija oriġinali, l-artist jinterpreta mill-ġdida l-ideat ta’ Murillo b’mod fidil u realistiku.
Kristu marbut mal-kolonna, Attribwita lill-artist Żejtuni Alessandro Farrugia
Matul is-seklu 17, skulturi tal-Barokk Spanjol bħal Gregorio Fernández (1576-1636) kienu diġà pproduċew xogħlijiet simili, li kellhom ikunu prototipi importanti. Alessandro (Xandru) Farrugia (1791-1871) attenda l-klassijiet iffullati sew tal-mastruskultur Marjanu Gerada (1771-1823), wara li dan tal-aħħar kien ġie lura Malta minn xi snin jistudja u jaħdem f’Valencia m’artisti Spanjoli importanti. Farrugia kien xorob ħafna mill-ideat tal-mastruskultur. Infatti, l-iskultura tal-1845 tirrefletti l-intensità tagħhom fid-dinamiċità tal-contrapposto u tal-anatomija, u t-trattament tal-piegi fid-drapp.
Kristu Mejjet (Il-Mimdud)
Il-figura ta’ Kristu Mejjet inġiebet minn Spanja, filwaqt li l-urna mżejna u kbira nħadmet xi żmien qabel it-Tieni Gwerra Dinjija minflok urna iktar sempliċi magħmula qabel. L-erba’ anġli żgħar tal-kartapesta bis-simboli tal-passjoni f’idejhom kienu saru mill-artist lokali Wistin Camilleri. L-insiġ fin u kumpless mid-deheb fuq il-bellus aħmar skur li jgħatti l-parti ta’ fuq u l-bażi tal-urna, inħadem mis-Sorijiet tal-Istitut Ġesù Nazzarenu, iż-Żejtun.
L-Arka tal-Patt
Hemm diversi verżjonijiet tal-Arka tal-Patt Lhudija. Din maħduma fuq is-simboliżmu Eġizzjan b’qisien li jikkorrispondu fedelment ma’ dawk indikati fil-Bibbja. Maħduma fl-injam u indurata, l-Arka tal-Patt hija waħda mill-biċċiet li żżejjen il-purċissjoni twila u artikolata tal-Ġimgħa l-Kbira fiż-Żejtun.