Pittura u Skultura

Kitba ta’ Rev. Gino Gauci

Mill-bidu tas-seklu ħmistax il-knisja l-qadima ta’ Santa Katarina kellha rabtiet mal-Katidral tal-Imdina tant li l-Kantur tal-Kapitlu kien jirċievi dħul ta’ kull sena mill-artijiet ta’ madwar il-knisja. Din ir-rabta mal-Katidral – l-aktar knisja importanti fil-gżira – tfisser li l-knisja l-qadima ta’ Santa Katarina kienet ukoll tgawdi mill-kuntatti fil-qasam artistiku li kellu l-Katidral.

Lejn tmiem is-seklu ħmistax jidher li l-aħwa de Saliba, Antonio u Pietro, kienu ħadmu xi xogħol għall-Katidral jew knejjes viċin (p.e. Rabat) u dan jagħtina x’naħsbu li l-panel tal-Madonna taċ-Ċirkunċiżjoni hija ta’ wieħed minnhom. Minn studji reċenti u r-restawr (2011-2012) li sar fuq dan il-panel jidher li wisq probabbli li kien Antonio li għamel dan it-trittiku u llum baqa’ biss il-parti ċentrali tiegħu. Dan huwa wieħed mill-ftit xogħolijiet artistiċi ta’ żmien ir-Rinaxximent li għandna f’Malta.

Fix-xhur li għamel fostna (1608), Caravaggio kien imsejjaħ mill-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann biex iwettaq numru mhux ħażin ta’ xogħolijiet. Xi wħud minnhom għadhom magħna, oħrajn jinsabu barra minn xtutna u oħrajn intilfu. Uħud mill-artisti li kien hawn Malta, bħalma ġara fl-Italja, inġibdu lejn l-istil ta’ Caravaggio u bdew jaħdmu bħalu. Il-kwadru tal-Qtugħ ir-ras ta’ Santa Katarina huwa wieħed minn dawn ix-xogħolijiet ta’ artist viċin ħafna ta’ Caravaggio. Ma nafux jekk kienx kwadru mfassal minn Caravaggio stess b’suġġett differenti, skartat u artist ieħor li kien jafu sewwa biddel is-suġġett u spiċċah hu. Qegħdin quddiem kwadru li fih ħafna elementi ta’ valur artistiku u storiku li llum igawdi attenzjoni speċjali mill-kritika internazzjonali.

Xogħolijiet oħra ta’ valur artistiku li jinsabu fil-knisja l-qadima ta’ Santa Katarina huma l-kwadri ta’ San Girgor Papa li mill-ftit originali li baqa’ fih u l-armi, tal-Universita’ tal-Imdina u dik ta’ Fra Pietro Gonzalez, jagħtu wieħed x’jifhem li kien artist ta’ kwalita’ tajba. L-istess jista’ jingħad għall-kwadru tal-Madonna tar-Rużarju li għalkemm sofra ħsarat kbar xorta waħda wieħed għadu jammira kompożizzjoni interessanti u teknika artistika b’mod speċjali fil-medaljuni, mad-dawra tal-kwadru, li fihom il-misteri tar-Rużarju. Hemm ukoll kwadru ddedikat lill-Madonna tal-Karmnu li sar aktar tard minn artist inqas kapaċi. F’din il-knisja jinsabu wkoll żewg statwi fl-injam waħda turi lil San Mikiel u oħra lil San Ġużepp. Fl-ewwel waħda l-iskultur jinqegħda minn zokk ta’ siġra għall-figura tal-arkanġlu u l-istess għall-pedistall, waqt li ix-xitan jingasta ruħu bejniethom. Wieħed jinnota li l-katina hija maħduma sħiha ħolqa ħolqa! L-istatwa ta’ San Ġużepp hija ta’ valur artistiku kbir u forsi hija unika fil-gżejjer Maltin. Għadha żżomm l-polikromija oriġinali u l-istess induratura turi gosti li naraw fi statwi spanjoli ta’ dan il-perjodu. Dan jagħtina x’naħsbu li din l-istatwa setgħet waslet minn barra minn Malta. Dawn iż-żewġ statwi llum jinsabu fil-Mużew tal-parroċċa. Qabel wieħed iħalli din il-knisja jrid bilfors iħares lejn l-altar maġġur fejn jilmaħ kwadru ieħor li juri l-Martirju ta’ Santa Katarina (li ħa post dak li semmejna aktar ‘l fuq) u anki d-dekorazzjoni kollha madwar il-kwadru. Jispikkaw iż-żewġ statwi tal-ġebel ta’ Santa Katarina u Santa Ewfemja li oriġinalment kienu fil-kappella ta’ l-Italja fil-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt. Il-kwadru huwa ta’ artist mhux magħruf li naħsbu li ġie imqabbad mill-Kantur responsabbli mill-knisja meta il-kwadru oriġinali ittieħed u iddendel fil-knisja l-ġdida sakemm saret il-kopja tal-kwadru ta’ Mattia Preti. Meta mill-1708 bdiet tintuża l-knisja l-ġdida ta’ Santa Katarina, l-attenzjoni kollha kienet kif dan it-tempju jiġi mżejjen u dekorat mill-aħjar artisti tal-mument.

Matul is-sekli tmintax u dsatax saru opri kbar fosthom iż-żewġ apsidi bit-Twaqqif tar-Rużarju Mqaddes (1739-40) u l-Adorazzjoni ta’ Kristu Mejjet (1739). Hawn nassistu għall-konfront artistiku bejn ż-żewġ artisti Maltin li l-aktar li kienu jgawdu popolarita’f’dan iż-żmien. Francesco Zahra (1710-1773) kien kemmxejn iżgħar minn Gian Nikol Buhagiar (1698-1752) iżda jidher ċar li il-kompożizzjoni tiegħu madwar il-Madonna tar-Rużarju turi maturita’ fit-tqassim tal-figuri u kif jirnexxielu jorbot flimkien l-irkejjen kollha tal-apside. Ġian Nikol Buhagiar huwa aktar prevedibbli u d-dinamiċita’ li hemm fil-kompożizzjoni ta’ Zahra hija għal kollox nieqsa f’din l-apside tal-Kurċifiss. Waqt li taħt din l-apside hemm l-istatwa tal-Kurċifiss li ġiet minnaħa ta’ fuq ta’ l-Italja, faċċata insibu kwadru ikkummissjonat lil Ġian Nikol Buhagiar mill-Fratellanża tar-Rużarju li turi l-Madonna tar-Rużarju flimkien ma’ qaddisin marbutin ma’ din id-devozzjoni. Imħares f’niċċa żgħir, fuq dan l-altar kemm statwa ċkejkna fl-injam ta’ Ġesù Bambin magħmula mill-iskultur Żejtuni, Xandru Farrugia (1791-1871). Galkemm fiċ-ċokon l-iskultur ried juri l-bravura tiegħu fl-istudju tal-anatomija. F’dan iż-żewġ kappelluni għandna żewġ altari wieħed iddedikat lil Madonna taċ-Ċintura u l-ieħor lil San Girgor Papa. Dawn iż-żewġ kwadri jistgħu jkun ta’ xi ħadd miż-żewġ artisti li diġa semmejna jew ta’ artisti viċin tagħhom. Is-sotto kwadru fl-altar taċ-Ċintura huwa ta’ Ġużeppi Caruana (1899-1964) u juri lil San Gejtanu jżomm lit-tfajjel Ġesù.

Francesco Zahra għamel ukoll iż-żewġ kwadri tal-kor li juru id-Disputa ta’ Santa Katarina mal-Filosfi u t-Trasport tal-Ġisem Mejjet ta’ Santa Katarina fuq il-muntanja Sinaj. Għalkemm Zahra jidher li qatt ma’ żar l-Italja iżda hawn jidher ċar li hu kien midħla ta’ dak kollu li kien qiegħed isir ‘l bogħod minn xtutna – żewġ xogħolijiet li juru kontroll sħiħ tat-teknika artistika barokka u invenzjoni fil-kompożizzjoni.

Iżda l-aktar xogħol importanti ta’dan l-artist huwa is-sett ta’ sitt kwadri li jiddekoraw l-Oratorju tas-Sagrament. Din hija knisja żgħira mibnija (1743-1746) u tmiss mal-knisja l-kbira b’dekorazzjoni mill-isbaħ ta’ skultura barokka fil-ġebla. Fl-1765 Zahra lesta is-sitt kwadri li juru episodji mill-Antik Testment b’rabta mal-Ewkaristija. Waqt li kull kwadru għandu l-kompożizzjoni tiegħu partikulari l-għażla tal-kuluri u l-logħob tad-dwal u d-dellijiet jorbtu s-sitt kwadri flimkien u jagħmluhom opra unika. Francesco Zahra jagħti prova tal-kapaċita’ artistika tiegħu u juri li bl-ebda mod mhu inferjuri mill-artisti barranin li l-Kavallieri kienu jġibu minn barra minn Malta biex jaħdmu għalihom. Il-kwadru fuq l-altar li juri lil Kristu jqarben lill-Appostli huwa ta’ Henricus Reynaud li għamlu fl-1759.

Meta fl-1720 il-knisja l-ġdida kienet kważi lesta id-dekorazzjoni fil-kor u l-kappelluni bdiet miexja ‘l quddiem. Naturalment minnbarra iż-żewġ kwadri laterali li Francesco Zahra għamel fil-kor insibu l-kwadru titulari. Diffiċli tifhem x’wassal lill-kappillan Dun Anton Gafa’ u l-prokuratur tiegħu Dun Lawrenz Mallia jikkuntentaw b’kopja ta’ artist ieħor. Huwa veru li ntagħżel il-Martirju ta’ Santa Katarina li Mattia Preti kien għamel għall-knisja tal-Kavalieri Taljani fil-Belt u li min għamlu jidher li kien midħla sewwa tal-bottega tal-artist iżda tibqa dejjem kopja ta’ kwadru ieħor. Jeżistu kopji li kultant iħabbtuha ma’ l-oriġinal iżda dan mhux il-każ!

Fl-1776 beda x-xogħol fuq is-sitt altari tal-ġnub tal-knisja u għalhekk artisti oħra ġew imqabbda jiddekorawhom. Mikiel Busutill (1762-1831) għamel il-kwadri ta’ San Mikiel u l-Magħmudija ta’ San Publju minn San Pawl u jista’ jkun ukoll dak tal-Madonna tal-Karita’, filwaqt lil Rokku Buhagiar (1725-1805) tawh dak tal-Madonna tal-Karmnu. Kwadru ta’ Gian Nikol Buhagiar dwar San Ġużepp (li llum jinsab fil-Mużew) inbidel ma’ wieħed ta’ Ramiro Calí (1881-1945) li juri il-Mewt ta’ San Ġużepp u l-istess ġara meta kwadru ta’ Sant’Andrija, kopja ta’ kwadru tal-Preti li jinsab iż-Żurrieq, inbidel ma’ ieħor tal-istess suġġett minn Vinċenzo Hyzler (1813-1849). Taħt dan il-kwadru insibu Ecce Homo skultura fl-injam ta’ Xandru Farrugia li ħadem, kif rajna, xogħolijiet f’din il-parroċċa u fi knejjes oħra f’Malta. Ftit passi ‘l bogħod minn dan l-altar insibu kwadru ovali ddedikat lil Santa Filomena, xogħol iffirmat u datat (1840) minn Antonio Falzon (1805-1865). Id-dekorazzjoni fis-saqaf u fil-koppli tan-navi saru mill-pittur Żejtuni Toussaint Busutill (1912-1994).
Fis-sakristija l-kbira minnbarra ritratti tad-diversi arċiprieti li servew f’din il-parroċċa jinsabu wkoll xogħolijiet oħra interessanti iżda forsi l-aktar importanti huwa dak li juri lil Girgor Bonici, il-benefattur ewlieni tal-knisja il-ġdida. Huwa jidher bħala raġel anzjan libes ta’ Ħakem tal-Imdina iserraħ ma’ mejda li fiha xi kotba li juru l-interessi tiegħu letterari. S’issa għadna ma nafux min hu l-awtur ta’ dan il-kwadru, jekk hux wieħed lokali jew barrani, iżda żgur li l-pittur kien artistikament imħarreġ u midħla ta’ Preti jew tal-bottega tiegħu.

Dawra mal-Mużew insibu wkoll diversi opri, xi wħud ta’ valur artistiku apprezzabbli u oħrajn aktar ta’ valur storiku. Hemm statwa żgħira oħra fl-injam minn Xandru Farrugia ta’ Ġesù Salvatur tad-Dinja li għadha tgwadi l-polikromija oriġinali ta’ l-artist. Nistgħu nagħlqu billi nsemmu xogħol fil-bronż indurat li huwa fost l-aktar oġġetti prezjużi li għandha din il-parroċċa. Il-Magħmudija ta’ Kristu minn San Ġwann Battista xogħol fil-bronż indurat tal-artist taljan Alessandro Algardi (1598-1654), huwa l-mudell li aktarx Giuseppe Mazzuoli uża biex minn fuqu fassal l-istatwi fl-irħam abjad li naraw fil-Katidral ta’ San Ġwann. Jeżisti mudell ieħor bħalu fil-Musei Vaticani u ieħor tat-terracotta fil-Mużew tal-Katidral, il-Belt.